Attività mill-iskola Sekondarja tal-Kulleġġ San Benedittu biex tixpruna aktar il-valur tal-altruwiżmu

Inizjattiva ħelwa li ħadu l-istudenti u l-istaff tal-iskola Sekondarja tal-Kulleġġ San Benedittu, għenet finanzjarjament is-sitwazzjoni f’diversi santwarji li jieħdu ħsieb l-annimali.  Fil-fatt idea li bdiet fi klassi waħda li jiġbru ammont ta’ flus biex jisponsorjaw kelb/qattus, intgħoġbot tant li kwazi l-klassijiet kollha tal-iskola ħadu din l-inizjattiva.  Mhux talli hekk biss, talli anke għalliema fi staffrooms differenti u anke l-uffiċju tas-segretarji u l-SLT tal-iskola ngħaqdu f’daqqa biex b’kollox kienu sponsorjati aktar minn 30 kelb u qattus mill-Association for Abandoned Animals u Santwarju fiż-Żurrieq. 

Kien ta’ pjaċir għall-iskola, li meta l-aħbar dwar din l-inizjattiva ħarġet barra mill-iskola, kien hemm skejjel li kkuntattjawna u ħadu l-istess inizjattiva.

Minbarra dan fil-foyer tal-iskola tpoġġew kontenituri u l-komunità tal-iskola setgħet tagħti ikel tal-annimali li mbagħad fil-każ tal-klieb ittieħed Noah’s Ark u fil-każ tal-qtates ġie mqassam lil dawk il-volontiera li jitimgħu l-annimali fl-irħula li jkopri l-Kulleġġ.

Fuq inizjattiva ta’ għalliema partikolari, barra mill-ħin tal-iskola, l-istudenti tal-klassi tagħha, żaru RMJ’s horse resuce u mhux biss taw id-donazzjoni tagħhom imma wkoll qattgħu ftit ħin fl-istess santwarju fejn għenu fix-xogħol li jsir ta’ kuljum f’dawn is-santwarji.

L-iskola temmen ħafna f’dawn l-inizjattivi, għaliex jagħtu valuri lit-tfal li ma jiħduhomx mill-bank tal-iskola.