ID-DEMOKRAZIJA FL-ISTUDJI SOĊJALI
Id-demokrazija, sistema ta’ tmexxija f’pajjiż fejn iċ-ċittadini jkunu jgawdu minn diversi drittijiet fosthom id-dritt li jagħtu l-opinjoni tagħhom u anke li jivvutaw lil dawk il-persuni li jixtiequ li jirrappreżentawhom fil-Parlament ta’ Malta. L-istudenti tal-għaxar sena għandhom it-topik tal-politika bħala parti mis-sillabu tal-Istudji Soċjali fejn ukoll ikollhom iċ-ċans jgħidu l-opinjoni tagħhom, jiddibattu u anke permezz ta’ attivita’ li ssir fil-klassi, jesperjenzaw proċess ta’ votazzjoni fejn jisimgħu lil xi studenti jgħidu x’jagħmlu li kieku huma jmexxu lil Malta fil-futur u jivvutaw għal min jaħsbu li jkun l-aħjar mexxej. Iżda dan it-topik ma jiġix ipprattikat fil-klassi biss. L-iskola tagħna tieħu sehem fi programm organizzat minn Aġenzija Żgħażagħ bl-isem ta’ Young Parliamentarians Malta. L-iskop ta dan il-programm hu li studenti mill-iskejjel kollha ta’ Malta jingħataw opportunita’ li jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom ma’ studenti oħra filwaqt li jkollhom kors qasir ta’ kif persuna għandha twassal il-messaġġ tagħha biex tikkonvinċi lil kull min ikun qed jismagħha. Fl-aħħar ta’ dan il-programm, l-istudenti jipprattikaw dak li jkunu tgħallmu fejn isir dibattitu bħala kompetizzjoni ma’ studenti minn skejjel oħra. Fl-aħħar sena skolastika, l-istudenti tal-iskola tagħha ħadu sehem f’dan id-dibbattitu billi tkellmu dwar l-effetti tal-Covid-19 fuq l-istudenti. Minħabba li bil-pandemija dan kellu jsir għall-ewwel darba b’mod onlajn, l-element ta’ kompetizzjoni tneħħa pero’ l-istudenti Benedittini marru tajjeb ħafna fejn esprimew b’mod ċar u spjegat l-effetti tal-virus fuq il-ħajja tal-istudenti.
Għalkemm l-istudenti tal-għaxar sena li qed jieħdu sehem fil-programm din is-sena qed ikollhom it-taħriġ kollu u anke d-dibattiti finali b’mod virtwali, iżda għal din is-sena ser jerġa jidħol l-element ta’ kompetizzjoni. Id-dibattitu finali ser isir fil-bidu ta’ Mejju fejn nawguraw lill-istudenti tagħna li jġibu riżultati tajbin iżda fuq kollox li jkomplu jieħdu pjaċir jgħaddu l-opinjonijiet tajbin tagħhom għal ġid tas-soċjeta’.
Meta kont magħżul għal din l-attività kont ħerqan ħafna. Wara x-xogħol kollu li għamilna nista’ ngħid li kienet esperjenza li mhu ħa ninsa qatt! Kellna laqgħat ma’ youth workers ta’ Aġenzija Żgħażagħ dwar kif nitkellmu quddiem in-nies u nsaħħu aktar il-public speaking tagħna. Aħna ħadna ħafna gost waqt dawn il-laqgħat għax tgħallimna affarijiet ġodda. Iżda dawn kienu qegħdin jippreparawna għall-kompetizzjoni fejn l-iskola tagħna kienet se tiddibatti kontra skejjel oħra, dak hu l-għan ta’ Young Parlamentarians. Wara ħafna ġimgħat, sfortunatament ħsibna li din l-attività tħassret minħabba l-Covid-19 iżda xorta għamilniha, mingħajr l-iskop ta’ kompetizzjoni iżda ħadna pjaċir nippreparaw għaliha xorta waħda. Fil-ġimgħat ta’ preparazzjoni għamilna meetings biex niddeċiedu min ħa jitkellem, kif nibnu dak li ħa ngħidu fost affarijiet oħra. Dik il-ġurnata tad-dibattitu kont nervuż ħafna iżda l-iskola tagħna ħarġet b’riżultat tajjeb ħafna kontra l-iskejjel ta’ De La Salle u l-Kulleġġ ta’ Santa Tereża. Din l-esperjenza kienet waħda ta’ suċċess grazzi għall-għalliema Ms. Sue Ellen Cachia u Mr. Kendrick Sultana tal-Istudji Soċjali. Ayrton Farrugia
L-esperjenza tiegħi kienet waħda tajba ħafna. Kont verament eċitat li kien hemm post fejn stajt nesprimi ruħi f’forma ta dibattitu. Vera ħadt gost nipparteċipa u kieku jkolli nerġa nieħu sehem ma naħsibix darbtejn. Clive Ciantar
Is-sena li għaddiet ġejt mogħtija l-opportunita’ biex nieħu sehem fl-attivita’ tal-Young Parliamentarians. Kont ċerta li din ser tkun esperjenza verament ta’ gost u fejn nitgħallmu minnha. Kull gimgħa l-iskola kien ikollna l-aktar laqgħat interessanti ma’ xi kandidati tal- Aġenzija Żagħżagħ. Hemmhekk konna nitkellmu fuq bosta affarjiet interessenti kif jgħallmuna niddibattu. Qatt ma’ kont niddejjaq waqt dawn il-laqgħat u dejjem bqajt inkun ħerqana għalihom. Minħabba iċ-ċirkostanzi tal-Covid-19 kellna nbiddlu għal kollox onlajn. Din xorta ma wafqitniex milli naħdmu u nistinkaw bħala grupp. Din kellha tkun kompetizzjoni ta’ dibattitu bejn skejjel oħra madwar Malta imma ħabba ċ-ċirkostanzi, ma baqgħetx. Xorta ħadna gost niddibattu ma’ skejjel oħra u fl-aħħar mill-aħħar esperjenza tajba. Dan kollu ma kienx ikun possibli migħajr l-għajnuna tal-għalliema tal-Istudji Soċjali u tal-Aġenzija Żgħażagħ. Nibqa’ dejjem grata għal din l-opportunita’ li mhu ħa ninsa qatt! Yasmin Zammit
Is-sena ‘l oħra jien ħadt sehem fil-proġett tal-Young Parlamentarians. Meta bdejt nattendi l-laqgħat, bdejt nieħu gost u ninteressa ruħi. Il-laqgħat kienu il-parti favorita tiegħi. Il-laqgħat kienu jkunu ma’ xi membri tal-Aġenzija Żgħażagħ. Konna nagħmlu attivatijiet interessanti u konna nieħdu gost ħafna. Barra minn hekk, konna nitgħallmu kif niddibattu b’mod tajjeb ħafna. Minħabba l-pandemija, kellna nibdew nagħmlu l-laqgħat online, iżda xorta kont nieħu gost. Id-dibadittu propja kien sar onlajn ukoll. Niftakar kemm kont ħadt gost niddibatti ma’ studenti minn skejjel oħra! Nista ngħid li sal-aħħar ta’ din l-esperjenza jien tgħallimt ħafna affarijiet ġodda u għamilt iktar ħbieb. Dan kollu grazzi lill-Aġenzija Żgħazaġħ u lill-għalliema tal-Istudji Soċjali. Young Parlamentarians kienet esperjenza li ma ninsa qatt! Kelsey Ciantar