Is-soċjetà Maltija minn dejjem għarfet li huwa d-dmir tagħha li teduka u tifforma t-tfal u l-adolexxenti b’mod ħolistiku. Huwa preċiżament minħabba din ix-xewqa li l-istudenti jiġu mgħallma u edukati wkoll fid- dimensjonijiet reliġjużi, spiritwali u morali.
Sa mill-ewwel snin tal-iskola primarja l-istudenti jiġu offruti s-suġġett tal-edukazzjoni reliġjuża Kattolika jew aħjar kif inhu magħruf komunament – Ir-Reliġjon; skond kif huwa rregolat mill-għola liġi ta’ pajjiżna (il-Kostituzjoni) li tiddikjara r-reliġjon Kattolika Apostolika Rumana bħala r-reliġjon uffiċjali ta’ Malta.
Fis-snin tas-sekondarja, l-iżvillupp fiżiku, emozzjonali u spiritwali jkun fl-aqwa tiegħu. Qed insiru iktar konxji tagħna nfusna u ta’ dak li jdawwarna u tas-soċjeta’ li ngħixu fiha. Nibdew nieħdu deċiżjonijiet u niffurmaw opinjonijiet li jikkundizzjonaw u li jafu jiddeterminaw il-perspettiva tagħna fuq il-ħajja. Hu għalhekk li tul is-snin tal-iskola sekondarja, li fis-suġġett tar-Reliġjon jiġu trattati temi fejn jgħinu lill-istudenti jitgħallmu, jirriflettu, jiddiskutu u jixtarru fuq it-twemmin tagħhom biex ikunu kapaċi jaslu biex jiskopru lilhom nfusnhom bħala individwi spiritwali u kif għandhom jgħixu mal-bnedmin l-oħra, fid-dinja tal-llum fuq it-tagħlim ta’ Kristu u l-Knisja Kattiolika.
It-tagħlim tar-Reliġjon għandu jwassal lill-istudent jirrejalizza li r-Reliġjon mhijiex biss sett ta’ regoli, iżda hija strument biex il-bniedem jagħraf lilu nnifsu sewwa u jfittex li jkun awtentiku fl-umanità tiegħu.
Minn barra t-tagħlim li jsir fil-klassi, matul is-sena skolastika jiġu organizzati ukoll diversi attivitajiet reliġjużi, li minħabba l-pandemija f’din is-sena skolastika xi uħud minnhom ma sarux u oħrajn ġew adattatti. Fost dawn insemmu il-quddies ta’ kull nhar ta’ Erbgħa fis-7:25am, il-quddies tal-Milied u dik tad-Duluri li ġew trażmessi b’mod virtwali. L-iskola għandha ukoll is-servizz ta’ Religious Counsellor, Fr. Ivan Attard, li jżur l-iskola regolari biex ikun għas-servizz tal-istudent u staff.
Is-Sur E. Borg
Kap tad-Dipartiment