




Tgħallem Iktibha Sew














Tgħallem Għidha bil-Malti








Xogħol tal-Istudenti
Iddeskrivi kif timmaġina li ser tkun Malta 100 Sena Oħra
Malta tal-lum u dik ta’ mitt sena ilu huma kompletament differenti. Bl-istess mod, Malta sa mitt sena oħra ser tinbidel ukoll. Din id-deskrizzjoni ser tpoġġik f’dinja oħra li ftit li xejn għandha x’taqsam ma’ fejn int illum il-ġurnata.
Malli tħares mit-tieqa, li wisq probabbli tinsab ħafna sulari ’l fuq mil-livell tal-art, tara biss bini għoli u ogħla minn dak li tgħix int fih. Xħin toħroġ barra ssib ruħek f’pajjiż totalment urban u x’aktarx tisma’ l-makkinarju tal-bini li tistħajlu qed jikkompeti ma’ ta’ ħdejh biex jaraw min ser jilħaq is-sema l-ewwel. Flok tidħol fil-karozza silenzjuża tiegħek jaf tirkeb il-karozza tal-linja li fl-aħħar qed tasal fil-ħin u twasslek iktar malajr minħabba li qed tiġi misjuqa mill-Intelliġenza Artifiċjali u attent ma jmurx tistordi xħin tara dak it-tidwir kollu fil-bosta toroq li żdiedu.
Però qabel toħroġ tinsiex tilbes il-maskra! Faqqgħet pandemija oħra iżda issa n-nies drat u l-maskra saret normali fl-ilbies. Min jaf kemm qed tqabbdek sħana dik il-maskra ma’ wiċċek. Fejn qatt bsart li fi Frar kont ser tibda toħroġ bl-imqaċċat u l-ħwejjeġ bilkemm tħosshom qishom perpura miegħek?
U jekk kont beħsiebek tinżel sal-pjazza biex tixtri xi ħaġa mill-monti jew xtaqt tixtri erba’ patatiet m’għand tal-ħaxix li jarma triq ’l isfel minnek tista’ taqta’ qiesek. U daqshekk xammejt riħa ta’ ħut fit-triq ta’ warajk nhar ta’ Sibt filgħodu għax il-ħut sar perikoluż wisq biex tieklu bil-plastik kollu li hemm fil-baħar. Jekk ukoll kont ser tinżel sal-pjazza għax kellek aptit tgħid kelma jew tieħu naqra te fit-tazza u pastizz, il-pjazza m’għadhiex lok għal dan. It-tant ‘famużi’ każini m’għadhomx daqstant popolari wara li r-reliġjon Kattolika sfaxxat fix-xejn u ħadd m’għadu jkun eċitat għas-sajf ħalli jisma’ l-banda ddoqq u jara l-murtali waqt li jgawdi l-festa tar-raħal. L-istatwi tal-patruni f’nofs il-misraħ qegħdin hemm għalxejn u ħadd ma jindenja ruħu jsir jaf l-istorja tagħhom.
Il-frażi aqta’ fjura u ibni kamra saret evidenti wisq dan iż-żmien. Madanakollu, jaf lanqas ħaqq qed nikteb bil-Malti għax sa mitt sena oħra l-ilsien Malti jkun ilu li ntesa wara l-mewta naturali, imma xorta traġika, tiegħu.
Michela Farrugia
Klassi 10.1
Sa ftit snin ilu, qabel ma bdew jiftħu l-fabbriki Maltin, ħafna mill-Maltin kienu jgħixu mix-xogħol tar-raba’. Kien hawn ħafna rziezet mifruxin ’l hawn u ’l hemm fil-kampanja, li llum ħafna minnhom saru ‘farmhouses’ u saru parti mill-industrija turistika. Il-karozzi żdiedu, u l-ispazji pubbliċi dejjem qed jonqsu. Dawn il-fatturi kollha jqanqluli ħafna ħsibijiet rigward kif jista’ jkun pajjiżna mitt sena oħra.
Nimmaġina li l-bini se jkun żdied mhux ħażin, u ħa jnaqqas aktar mill-ispazji pubbliċi. It-tfal tal-futur se jkollhom iċ-ċans li jmorru fil-kampanja u jxommu r-riħa tal-ħaxix u l-ħamrija? Il-biża’ tiegħi hi li dawk il-ġenerazzjonijiet mhux se jkunu jafu l-vera tifsira ta’ ġurnata fil-kampanja mal-familja. X’se jkun sar mill-bidwi Malti? Se jkun parti mill-istorja? Ir-riħa tat-tadama Maltija, il-ħobż biż-żejt, il-ġbejniet tan-nagħaġ, ir-riħa ftuħ tal-pastizzi u tal-imqaret se jkunu għadhom jinxtammu? B’din ir-rata li mexjin naħseb li l-irwejjaħ ta’ ikel Amerikan se jeħdilhom posthom!
Xi ngħidu dwar l-istil ta’ ħajja li jista’ jkun hawn mitt sena oħra! Il-ħajja hemm mnejn tkun aktar mgħaġġla minn tagħna, u minħabba dan il-fattur jaf aktar nies jibdew jużaw aktar it-trasport pubbliku, li nimmaġina li sa dak iż-żmien ikun għamel progress kbir. U l-ilbies? Tgħid il-moda tkun simili ta’ dik ta’ issa, jew issir aktar sofistikata? Probabbli se jiġi aċċettat ħafna iktar ilbies, li daż-żmien inqisuh indiċenti. Nimmaġina li bit-teknoloġija tal-futur, ħafna mix-xogħlijiet li aħna nafu jkunu spiċċaw.
Il-bidla fil-klima hi waħda mill-akbar theddidiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi. Diversi riċerki u studji juru żidiet fit-temperaturi medji globali tal-arja u tal-oċean, u dawn jidhru li se jibqgħu telgħin iktar kemm jgħaddi ż-żmien. Is-silġ diġà beda jdub kullimkien, aħseb u ara sa mitt sena oħra! Nimmaġina li l-livell tal-baħar se jkun laħaq għola mhux ħażin sa dak iż-żmien. Dan kollu se jwassal għal impatt negattiv fuq l-ekosistemi naturali, is-saħħa tal-bniedem u r-riżorsi tal-ilma.
Jista’ jkun li l-Maltin sa mitt sena oħra jilħqu jidħlu f’qoxorthom u jibdew jibżgħu aktar għall-ambjent Malti u kemm hu importanti li kulħadd jagħti sehmu biex ikollna futur aħjar għal uliedna. Dawn iċ-ċirkustanzi tal-pandemija li qed ngħixu, jaf jinfluwenzaw b’mod pożittiv il-ħsieb tal-Maltin, u bħala nazzjon forsi l-poplu Malti jibda jimxi b’mod aktar għaqli biex jibża’ għat-tradizzjonijiet Maltin!
Andrea Francesca Cachia
Klassi 10.1
Poeżija: Għażiża Martha
“Nanna!”
Kont ngħajtilha bi tbissima
Fuq fommi.
Nitla’ t-taraġ u naraha,
Titbissimli,
lesta biex tilqagħni f’dirgħajha
Ma kontx nilħaq nidħol fil-kċina
Li ma kinitx tgħidli,
“trid xi ħaġa x’tiekol?”
Jew
“nagħmillek xi ħaġa?”
Xi drabi kont nirrifjuta
Xi drabi kont naċċetta,
Niżfnu, nidħqu, inkantaw.
Kollox spiċċa fix-xejn,
Mistrieħa fuq is-sodda,
Jien imnikkta.
Min se jsabbarni?,
Meta se nerġa’ narak?
“Nanna qiegħda tismagħni?”
Kont ngħidilha fl-aħħar mumenti
Bit-tama li tgħidli,
“iva għaziza, hawn għadni”
Iżda l-ebda tweġiba,
Memorji fuq memorji,
Għaddew minn moħħi,
Dak il-ħin li ħadet l-aħħar nifs.
Kulħadd liebes l-iswed,
Bil-bukketti tal-fjuri f’idejhom.
Dwejjaq u tagħfis ta` qalb
Sakemm kulħadd tak l-aħħar,
Tislima tiegħu.
Dar vojta mingħajrek,
Ejja ħdejja Nanna,
Żomm idejk fuqi.
Kimberley Ellul
Klassi 10.7