L-iskola Sekondarja fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu, f’Ħal Kirkop, għal darb’oħra wriet l-impenn filantropiku tagħha billi din id-darba ppreżentat is-somma sabiħa ta’ €1,135 lil Smiling with Jerome Foundation. L-iskola għamlet attività fl-okkażjoni ta’ Jum San Valentinu fejn studenti u għalliema ġew mitluba jilbsu l-aħmar u l-iswed sabiex nibqgħu mat-tema tal-ġurnata. Filgħodu saret assembly onlajn għall-iskola kollha, fejn is-surmast is-Sur Adrian Galea, spjega lill-istudenti bl-impenn ta’ din il-fondazzjoni fost l-oħrajn. L-għalliema wkoll sabu sorpriża ħelwa fejn ingħataw xi ħaġa tajba u sħuna tal-okkażjoni.
L-istudenti rrispondew b’entużjażmu għal din l-attività, tant li ċertu klassijiet irnexxielhom jiġbru sew ’il fuq minn €60 sabiex tkun tista’ tinxtara chemo bag li l-fondazzjoni tagħti lill-pazjenti tal-kanċer. Waqt il-preżentazzjoni taċ-ċekk mis-Surmast tal-iskola; is-Sur Kenneth Frendo, missier Jerome, tkellem dwar l-għajnuna li l-fondazzjoni tagħti lill-pazjenti, li ma tikkonsistix biss f’affarijiet materjali imma wkoll sapport lill-familjari, li bla dubju jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli ħafna. Is-Sinjura Tania Camilleri wkoll irringrazzjat lill-iskola għall-ġest nobbli tagħha u f’isem il-kumitat ippreżentat bookmarks sabiex jitqassmu lill-istudenti u lill-istaff kollu tal-iskola bħala turija t’apprezzament.