Il-lingwa Ġermaniża hi lingwa li ħafna jarawha bħala lingwa tqila. Iżda bħal kull lingwa u suġġett ieħor wieħed irid jagħmel l-almu tiegħu biex jitgħallimha b’mod effettiv. Hi lingwa interessanti u rikka fil-vokabularju li permezz tagħha wieħed jinfetħulu ħafna orizzonti f’diversi oqsma tal-ħajja fosthom dawk relatati ma’ xogħol u dawk mal-aspett rikreattiv. Għalhekk hu importanti li l-istudent jitħarreġ fl-4 ħiliet, li huma s-smiegħ, qari, kitba u diskors. Dawn kollha jiġu mħarrġa fuq temi varji li tiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum, fosthom tordna l-ikel f’ristorant, tixtri l-ħwejjeġ u kif ukoll titkellem fuq ir-rutina tal-iskola u oħrajn. Biex dawn l-4 ħiliet jiġu msaħħa, hu importanti ħafna l-qari. Dan il-għaliex permezz tiegħu jiżdied il-vokabularju kif ukoll biex titjieb il-kwalità tal-kitba.
Id-Dipartiment tal-Ġermaniż