Bienvenues chez nous !!! Merħba fid-Dipartiment tal-Franċiż !!!
Id-dipartiment tal-Franċiż fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu huwa wieħed żgħir imma dinamiku ħafna. Minbarra l-lat akkademiku, bħala għalliema nippruvaw ninvolvu lill-istudenti kemm jista’ jkun f`attivitajiet kulturali kif ukoll nagħtu togħma tal-ħajja Franċiża biex l-esperjenza tal-istudenti tkun aktar awtentika.
Nistgħu ngħidu li l-istudenti tagħna drawna mhux ħażin u jkunu qed jistennew li jaslu ċerti attivitajiet – kemm dawk li jsiru bħala dipartiment kif ukoll dawk li jsiru mad-Dipartimenti ta` lingwi oħra. Fil-fatt, is-sena tibda b`ċelebrazzjoni tal-lingwi fejn nieħdu aspett komuni bejn il-lingwi barranin mgħallma fl-iskola u ntellgħu attivita` flimkien. Kant, skeċċ, ikel u anke suq tal-Milied : l-istudenti dejjem ipparteċipaw bi ħġarhom.
Attivita` oħra li l-istudenti jistaqsu għaliha hija dik tal-Galette des Rois, fejn huma jduqu deżerta partikolari li hija torta magħmula mill-għaġina sfirjulata. Il-Franċiżi jieklu din id-deżerta fis-6 ta` Jannar għax jiċċelebraw l-Epifanija. Hemm tradizzjoni ħelwa marbuta mal-galette. Fil-fatt, meta d-dulċier ikun qed jagħmel din it-torta, huwa jaħbi go fiha figorina żgħira taċ-ċaqquf li nsejħulha fêve. Il-fêve tiġi moħbija fil-galette u l-persuna li ssibha tkun ir-re jew reġina tal-ġurnata. Minn Diċembru l-istudenti tagħna jsaqsuna biex nerġgħu inġibu din id-deżerta l-iskola għax hija attivita` li vera jieħdu gost biha u jkunu qed jistennew biex jaraw min ser jigi nkurunat.
Mhux l-ewwel darba li nvolvejna lill-ġenituri f`xi lezzjoni. Kellna ġenituri li attendew għall-lezzjoni ta`kultura biex wara daqu l-crêpes. Sena minnhom kellna numru kbir ta`ġenituri li sajjru kemm il–crêpes kif ukoll il-waffles U din kienet vera esperjenza tal-ġenn kemm għalina kif ukoll għalihom. Ma jonqsux attivitajiet oħra bhal Spellathons u żjarat kulturali. Mhux l-ewwel darba li ġejna mistednin fir-residenza tal-Ambaxxatrici f`Ħaz-Żebbuġ.
Madanakollu l-aktar attivita` li nkunu qed nistennew hija bla dubju l-Francofête li dawn l-aħħar snin, ħadet ix-xejra ta`kaċċa għat-teżor.Din l-attivita’ tiġi organizzata mid-Dipartiment tal-Franċiż sabiex infakkru Jum il-Frankofonija. Dan il-Jum jiġi ċċelebrat kull sena nhar l-20 ta’ Marzu biex infakkru l-lingwa Franċiża mitkellma madwar id-dinja. Is-sabiħ ta`din l-attivita` huwa li l-Franċiż jiġi abbinat mal-istorja ta` Malta. L-istudenti u l-għalliema jingħataw mappa tal-lokalita` -ġeneralment il-Birgu, l-Imdina jew il-Belt Valletta u madwar 25 mistoqsija bil-Franċiż relatati mal-lingwa Franċiża, l-istorja kif ukoll tagħrif ġenerali. F`40 minuta huma jridu jiġru biex ikunu l-ewwel skola li jlestu. U l-gruppi tagħna jidħlu b`ruħhom u ġisimhom għal xi ħaġa bħal din. Kemm il-darba kkwalifikajna fl-ewwel post u m’għandniex xi ngħidu, l-istudenti jkunu fis-seba’ sema u aħna l-għalliema wkoll! Dawn huma kollha esperjenzi li żgur li ma jinsewx.
L-Għalliema tal-Franċiż